Is-Sistema ta’ Notifika tal-Frodi (FNS) hi disponibbli għall-pubbliku bħala sistema ta’ informazzjoni fuq il-web li tista’ tintuża biex tiġi sottomessa informazzjoni lill-OLAF li tista’ tkun rilevanti fil-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji u oħrajn tal-UE. Il-messaġġi kollha huma rrekordjati mill-istaff amministrattiv tat-Tim tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità (QAT) ta’ OLAF.C.1, xi wħud huma analizzati mis-seletturi ta’ OLAF.0.1 u xi wħud jiġu sfruttati minn investigaturi mid-direttorati operazzjonali, OLAF.A u OLAF.B. L-informazzjoni relevanti tittieħed u tkun ipproċessata skont il-proċeduri standard.
L-ipproċessar tad-data sottomessa mhux se jintuża għal teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzat, inkluż it-tfassil ta’ profili.
Il-bażi legali għal din l-operazzjoni ta’ pproċessar hi r-Regolament 883/2013, ir-Regolament 2185/96, u r-Regolament 2988/95, skont l-Artikolu 5 il-paragrafu 1 il-punt (a) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725.
L-OLAF jiġbor informazzjoni mogħtija b'mod volontarju mill-utenti tas-sistema fi kwestjonarju, inkluż qasam ta’ test ħieles. Jekk l-utent jagħżel li jirreġistra għal aktar komunikazzjoni, l-OLAF jiġbor l-informazzjoni ulterjuri trażmessa fil-komunikazzjonijiet sussegwenti kollha bejn l-OLAF u l-utent. Din l-informazzjoni hi rrekordjata fuq server apposta, u użata bħala sors ta’ intelliġenza/evidenza.
L-OLAF jiġbor ukoll l-informazzjoni li ġejja dwar l-utenti tas-sistema: id-data u l-ħin tal-messaġġ, il-lingwa li għażlu, il-kontenut tal-messaġġ li jista’ jinkludi d-data personali tagħhom.
L-istaff responsabbli ta’ OLAF C.1. (QAT), 0.1 u A u B għandu l-aċċess. Barra minn hekk, l-informazzjoni li ma taqax taħt il-kompetenza tal-OLAF, li hi insuffiċjenti biex jiġi ġġustifikat il-ftuħ ta’ investigazzjoni jew ta’ każ ta’ koordinazzjoni mill-OLAF jew li ma taqax fl-ambitu tal-Prijoritajiet tal-Politika Investigattiva (IPP) tista’ tiġi mgħoddija lis-servizzi rilevanti tal-Istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE u lill-awtoritajiet ta’ kontra l-frodi rilevanti fl-Istati Membri.
Sabiex nipproteġu d-data personali tiegħek, hemm fis-seħħ numru ta' miżuri tekniċi u organizzazzjonali. Il-miżuri tekniċi jinkludu azzjonijiet xierqa li jindirizzaw is-sigurtà online, ir-riskju tat-telf tad-data, l-alterazzjoni tad-data jew l-aċċess mhux awtorizzat filwaqt li jiġi kkunsidrat ir-riskju ppreżentat mill-ipproċessar u n-natura tad-data li tkun qed tiġi pproċessta. Il-miżuri organizzazzjonali jinkludu aċċess ristrett għad-data lil persuni awtorizzati bi bżonn leġittimu li jkunu jafu għall-iskop ta’ din l-operazzjoni ta’ pproċessar.
Id-data personali tiegħek tista’ tinżamm fil-fajls tal-OLAF li jinħażnu għal massimu ta’ 15-il sena wara li jitwarrab il-każ jew, fejn tkun infetħet investigazzjoni jew każ ta’ koordinazjzoni, wara l-għeluq tiegħu.
Messaġġi mhux xierqa jew bla sens jitħassru immedjatament.
Għandek id-dritt li titlob aċċess għad-data personali tiegħek, rettifika jew tħassir tad-data, jew restrizzjoni tal-ipproċessar tagħha. Għandek ukoll id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data tiegħek.
Kwalunkwe talba għal wieħed minn dawn id-drittijiet għandha tintbagħat lill-Kontrollur ( OLAF-FMB-DATA-PROTECTION@ec.europa.eu ). Jekk tkun tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek fil-kuntest ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar jew fajls speċifiċi, wieħed jew diversi, jekk jogħġbok ipprovdi d-deskrizzjoni u r-referenza/i għalihom fit-talba tiegħek.
Jistgħu japplikaw eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet abbażi tar-Regolament (UE) 2018/1725 u d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni rilevanti.
Int tista’ tikkuntattja lill-Uffiċjal Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tal-OLAF ( OLAF-FMB-DPO@ec.europa.eu ) fir-rigward tal-kwistjonijiet marbuta mal-ipproċessar tad-data personali tiegħek taħt ir-Regolament (UE) 2018/1725.
Għandek id-dritt ta’ rikors mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ( edps@edps.europa.eu ) jekk tikkunsidra li d-drittijiet tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 inkisru bħala riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek mill-OLAF.
Jekk jogħġbok ikkonferma li qrajt l-Istqarrija ta’ Privatezza u d-Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà billi tittikkja l-kaxxa f’qiegħ din il-paġna u tikklikkja l-buttuna "Iva"